Meta r-riħ waqqaf kollox 
 
Meta r-riħ waqqaf kollox 
miet turist. Kien forza tmienja. Għall-ewwel 
ma ħassejt xejn għalih. Ma daħalx ġo fija 

għax ma sabx imnejn. Mar fuq il-moll u belgħu il-baħar 
skond waħda li kienet għaxar metri ‘l bogħod,
għaxra tal-azzard, chic ħafna w irreali imma maħsusa
fuq u taħt il-ġild’ adrenalina lbies. San Pawl il-Baħar teatru 
t’eżorċiżmu fallut jingħi, ibarqan,
jinbaħ inkoerenti.

L-għada fittxewh bil-helicopter, farfett fittiex.
Qabel qatgħu qalbhom, ħarġu bil-lanċa w l-għaddasa. 
Miskin min kien se jkollu jidentifika l-ġisem. 

Trid tisma’ l-palm. Dik protesta.
Imbagħad fhimt. Ried jisfida.
U ftaħtlu. Ma kellux iktar minn żewġ bagalji
warajh il-lukanda. Il-werrieta; l-istati uniti
tal-ibħra. Ħasluh u lestewh biex jistrieħ kieku sabuh.
 
 
oooooooo
 
 

qed tasal mnejn titlaq

trid teħles ħafif;
il-kliem li tagħżel, tagħżilhom muti
tagħżilhom għall-kitba fejn tista’ tiffantasizza:
        li d-dqiqiet tad-diżabitat
        li ssaltan fuqhom
        tiswija biżżejjed għall-istorja

pero’ għidli li ma temminx
lilek innifsek. aħfer ’l alla li ttradietek
miegħek innifsek bil-lealta’ ta’ mara
b’ilsienha maqtugħ. taħfirlix
jekk nibqa’ nilgħabha tat-trux nirkantalek ’il dik
u ’l oħra bid-daħqa.
 
 
 
oooooooo
 
 

posta
(frammenti ta’ traduzzjoni ħielsa minn Listy Umarᴌych – The letters of the dead – ta’ Symborska)

 
Qed niftħu w naqraw l-ittri tal-mejtin bix-xeħħa t’allat impotenti,
imm’ allat xorta waħda, għax nafu d-dati li jiġu wara.
Nafu liema djun qatt qatt mhu se jitħallsu.
Liem romol ħa jkunu ’ġa miżżewwġa bil-katavri għadhom sħan. 
 
Bilqiegħda quddiemna. Il-miftuħin u l’qed jinfetħu
foqra b’ħarsiethom imbarrati, fallibbli, il-każijiet 
patetiċi ta’ djuqija. Naraw l-uċuh u l-mutetti li jagħmlu n-nies 
minn wara dahrom.
 
Kulma bassru ġara
bil-kontra, jew xi ftit differenti, li bażikament tfisser li kompletament differenti.
L-iktar ferventi fosthom iħarsu dritt f’għajnejna;
Skond il-kalkoli tagħhom għandhom isibu l-perfezzjoni x’imkien hemm/hawn.
 
 
 
oooooooo
 
 
 

bżieżel misluħa
 

April t’April 2012 Ewropeja
mgeżwra pulita
fis-suq tar-realta’ w għalih
tqalleb fil-bramel tal-ġirien
tal-‘aħna d-disgħa w disgħin’ 
biċċa w bewsa, prezz
l-Imgħallem. Ateni ritratt 
fuq il-kommodina ħdejn ras
l-ispettakli tad-deiċidji tal-Olimpjadi
tas-Sajf 2004, is-sena li ħalliena
Ray Charles. Imm’Ateni ħarbet
mid-dar u ‘qas biss qatt ċemplitilhom.
Qatt! Għax daħlet f’vestwarju 
ma’ klijent sadista u ħarġet
b’sidrejha misluħa mill-irdigħ, gażażi artifiċjali
wisq għal ex-spiżjar ta’ 77 sena.
Ħareġ pistola quddiem il-parlament 
u ħalla nota
bil-Grieg (nimmaġina).
 

 
oooooooo
 
 

’ġa qed tfittex isem
 
mara tad-dar
bint xi ħadd, pupa 
ta’ xi ħaddieħor

mara ta’ kalendarju 
b’karriera perfetta
t’ovulazzjoni war’ oħra
li kull filgħodu tiknislek
frak il-ħolm
 
 
 
oooooooo

 

in-naħa l-oħra ssib amerka

Fis-sular tiegħek ma jasalx it-taraġ.
Il-posta tieqaf isfel u l-għamara l-goffa 
sempliċiment ma titlax. Meta jitkellem Abel, l-aċċent jaqa’ 
fuq il-minoranza tar-rebbieħ, id-deheb maħluma mill-miljuni
milbusa minn wieħed biss 
imma l-bejnietna jinqasam b’ishma ndaqs.
 
‘Dan huwa ċ-ċentru tad-dmugħ li tajjeb
għax-xorb, l-assi ta’ ġennata premeditata, iż-żejża
li reddgħetni l-ordnijiet u l-kastigi u l-voti
tal-kilbiet u l-ubbidjenzi’ jgħid il-vers tal-ftuħ
tal-eleġija. Għalissa għadha abbozz.
 
Tinsewx issemmu l-ħolm li kelli.
‘Kelli’
dik il-kelma-ċavetta
għall-appartament tiegħek. ‘Wara dil-ħajja
ħa mmorru l-amerka.’ Lill-mummy
x’se ngħidulha?
 
Ġeppetto
Published:

Ġeppetto

A selection of poetry from 2012

Published:

Creative Fields